Kummissjoni Żgħażagħ Sagra Familja Kalkara, A.D 1996

Tul dawn is-snin li ilha imwaqqfa is-socjeta tac-Circolo San Giuseppe Filaromonika Sagra Familja, iż-Żgħażagħ minn dejjem kienu element importanti fil-festa. Minn dejjem kienu jagħtu is-sehem tagħhom sabiex sena wara sena ikollna festa aqwa minn ta’ qabel u dan jixduh bosta anzjani illum il-ġurnata. Kien propju għalhekk li nhar il-25 ta’ Settembru tal-1996 grupp ta’ żgħażagħ partitarji tac-Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja, iddeċidew li jwaqqfu il-Kummissjoni Żgħażagħ Sagra Familja. L-għan ewlieni wara din il-kummissjoni kien dak li jkollom sehem aktar attiv fil-festa. Il-bidu kien iebes, in-nuqqas ta’ esperjenza kienet tinħass ukoll iżda qatt ma qatgħu qalbhom għax kienu jafu li warajhom kien hemm l-appoġġ sħiħ tal-Kumitat Ċentrali, kif ukoll iħarishom kien hemm Missierna San Ġużepp u is-Sagra Familja. Bdew billi ġabru membri fi ħdan din l-ewwel Kummissjoni Żgħażagħ fil-Kalkara u organiżżaw bosta attivitajiet bħall ikliet bejn il-ħbieb biex jinġabru il-fondi meħtieġa. Bħala xogħolijiet bdew jaħdmu il-liedna li iżżejjen it-toroq tal-lokal, bdew jirrestawraw l-arbli u ħadmu id-dawl dekorattiv mal-maħżen ta’ l-armar Ġilju ta’ Lulju fost bosta affarijiet oħra. Fl-1997 bdew isiru xi affarijiet żagħar għall-mal-briju tal-marċ fosthom xi umbrelel żagħar jew bnadar. Tul is-sena 1997 is-soċjeta’ bil-għajnuna sfieqa tal-Kummissjoni Żgħażagħ irnexxiela tikseb it-tieni post fil-kompetizzjoni għall-isbaħ faċċata armata fil-Milied, kien suċċess tassew mistħoqq għax-xogħol li sar minn dawn iż-żgħażagħ. Matul is-snin il-Kummissjoni Żgħażagħ kompliet tirranka fejn bdiet torganiżża bosta attivitajiet importanti fil-kalendarju tas-soċjeta. Nistgħu insemmgħu diversi bbqs li jsiru kemm fl-okkażżjoni tal-Eurovision Song Contest u tal-Malta Fireworks festival, bosta pasta nights u ikliet oħra. L-isports ma jonqosx bl-organiżżazzjoni ta bosta football tournaments matul is-sena. F’għeluq il-ħames sena mit-twaqqif tal-Kummissjoni Żgħażagħ inġarġet CD bil-kant, kien proġett li dak iż-żmien intlaqa tajjeb mil-partitarji tagħna, kienet CD li kont u għadek tisma tindaqq ma ħafna rkejjen tal-Kalkara. Biex tfakkar dan l-anniversarju il-Kummissjoni Żgħażagħ kixfet plakka kommemorattiva ġewwa l-każin. Ma nistgħux ma nsemmgħux waħda mill isbaħ opri li qatt rat il-Kalkara li ġiet imżanżna fil-festa tal-2003 meta waqt il-marċ tal-Ġimgħa filgħaxija f’xatt miżgħud bin-nies infetħet għall-ewwel darba imrewħa meravilja, imrewħa li ix-xogħol fuqha dam sejjer sena sħiġa bi ħjata, tfassil,tixlil u ħidma fuq il-karru, kollu xogħol li sar miż-żgħażagħ stess. Imrewħa mgħonija b’pitturi sbieħ li waqt li bdiet tinfetaħ bil-mogħod il-mogħod kulħadd infexx f’ċapċip u għajjat fost briju liema bħalu. F’din is-sena ukoll ħarġet it-tieni CD tal-Kant li ħolqot atmosfera kbira waqt il-marċi. Dak iż-żmien kien sar ukoll proġett ieħor li jibqa fuq fomm kulħadd, il-proġett hekk magħruf bħala ta’ triq missjoni Taljana. Triq twila armata kollha liedna, fustuni, sopraporti, kuruni u tubi. Kien proġett ambizzjuz għalina li tmexxa b’koordinazzjoni liema bħalha. Dan wassal biex saru bosta maratoni sabiex jinħadmu mijiet ta metri ta liedna tul bosta ljieli mingħajr irqad. Sodisfatti li kollox ħareġ perfett. Bħala Kummissjoni Żgħażagħ noħorġu ukoll bosta publikazzjonijiet fejn minn żmien għall zmien jinħareġ il-fuljett Leħen iż-Żgħażagħ fejn permezz tiegħu inżommu kuntatt mal-partitarji tagħna. Nibgħatu ukoll kemm birthday cards kif ukoll Christmas cards lil membri tagħna, li dawn jistgħu jiftaħru b’membership cards full colour. Kollox xogħol ta’ professjonalita kbira, kollox xogħol idejna! Fi ftit kliem il-Kummissjoni Żgħażagħ tgħin f’dak kollu li jkun hemm bżonn ġewwa l-każin speċjalment fil-ġimgħa tal-festa fejn tagħti is-sehem tagħha mhux biss fl-armar imma anki ukoll fil-briju ta’ mal-marċi u fir-rapreżentazzjoni tas-soċjeta fil-parroċċa. Bħala Kummissjoni nisħqu ħafna li għandna inkunu ħafna qrib tal-parroċċa. F’għeluq l-għaxar snin tal-Kummissjoni Żgħażagħ, il-Kummissjoni reġgħet spikkat fejn waqt ċelebrazzjonijiet apposta fakkret dan l-anniversarju, bil-qofol tagħhom ikun fil-festa fejn wara l-marċ tal-Erbgħa żanżnet umbrella meravilja. Mgħomija b’pitturi artistiċi tal-ħajja ta’ San Ġużepp alternati bejn anġli żagħar iżommu simboli Ġużeppini. Il-Kummissjoni Żgħażagħ qatt ma ħarset lura u kompliet bil-ħidma tagħha, ħidma li issa wasslitha mhux biex iżżanżan opri tal-briju imma anki opri prestiġġjużi aktar minn hekk. Hawnhekk ma tistax ma tissemmiex il-Kolonna ta’ San Ġużepp fejn minkejja li għadha fil-proċess li qed titlesta biċċa biċċa, ninsab ċert li f’għeluq il-ħmistax –il sena mit-twaqqif tal-Kummissjoni Żgħażagħ jitniżżel mal-lista proġett prestiġjuż. B’wiċċna minn quddiem ngħidu li il-Kummissjoni Żgħażagħ saret magna ta ħidma fil-Każin b’numru sostanzjali ta’ attivitajiet tul is-sena, bi proġetti ta’ armar ġdid bħall liedna, b’donazzjoni b’riżq xi marċi mill-festa u bl-organiżżazzjoni professjonali tal-Invincible Street Concert il-Ġimgħa ta qabel il-festa. Kummissjoni li tixhed kuraġġ, ħeġġa żagħżuha u determinazzjoni. Kummissjoni li minkejja ġieli l-mewġ jaħbat kontriha dejjem għarfet twassal il-vapur sax-xatt u tibqa għaddejja ġmielha! Grazzi lilkom Żagħżagħ tas-Sagra VIVA SAN ĠUŻEPP KAP TAS-SAGRA FAMILJA ĦARRIESA WAĦDIENA TA’ DIN L-EWWEL KUMMISSJONI ŻGĦAŻAGĦ KALKARIŻA